Upcoming Events
July 5, 2017
Music / Theatre

AKTAR MINN 100 RUĦ GĦALL-AĦĦAR PREPARAMENTI TA’ L-AKBAR CABARET TAS-SAJF!

Post Image

Balzunetta Towers tidħol fl-aħħar jiem tal-produzzjoni u tgħaqqad fost l-aqwa talent Malti
Baqa’ ftit jiem u ftit biljetti għal wieħed mill-avvenimenti tal- Malta International Arts Fesitval 2017, Balzunetta Towers, li jinvolvi aktar minn 100 ruħ fi spettaklu li se jsir f’anqas minn ġimgħa.

Fost dawn hemm Seb Tanti Burlò, cartoonist stabbilit li qed jaħdem fuq id-disinn tax-xenarju flimkien ma’ Norman Hill ‘iċ-Ciccio’, magħruf għal xogħlu fil-Karnival, kif ukoll mad-disinjatur tad-dawl, Andrew Zammit, li jiddisinja d-dawl fi club rinomat f’Paceville. Dawn qegħdin jaħdmu fuq dak li jgħidu huwa l-akbar xenarju li qatt intrama ġewwa Pjazza Teatru Rjal.

Il-produttur u d-direttur ta’ Balzunetta Towers irnexxielu jgħaqqad tim mill-aqwa għal dan l-ispettaklu li jinkludi nies minn kull sfera kulturali. Il-koreografa hija l-professur taż-żfin fl-Università ta’ Malta – Jo Butterworth – waqt li Conrad Attard mill-Karnival ta’ Ħal Għaxaq iddisinja x-xogħol tal-maskri. Il-perit Adrian Mamo, li ilu involut fit-teatru għal aktar minn 30 sena, iddisinja ’l fuq minn 200 kostum.

Dan kollu jingħaqad ma’ kast fenomenali li jinkludi l-atturi popolari Davide Tucci, il-kummidjant ta’ fama internazzjonali Chris Dingli, il-vuċi maġika ta’ Doreen Galea, Josef Camilleri minn Xarulù, Justin Galea mill-grupp popolari KażinSka li hu stilla f’Malta u fuq Youtube, Ozzy Lino, u l-attriċi ta’ talent kbir Mariele Zammit. Atturi oħra ta’ esperjenza li se jkunu parti minn dan l-ispettaklu kbir huma Michael Mangion, Antonella Axisa, Marilù Vella, Peter Busuttil, Manwel Cassar u Manuel Cutajar fost oħrajn. Żeffiena stabbiliti bħal Dorian Mallia u Felix Busuttil se jkunu parti mill-ispettaklu.

Ikkummissjunata mill-Fondazzjoni Valletta 2018, Balzunetta Towers tittratta wieħed mill-aktar sigrieti flagranti ta’ Malta – Balzunetta – magħrufa wkoll bħala l-oħt imqarba ta’ Strada Stretta ġewwa l-Furjana. Ironikament, Balzunetta kienet imdawra bis-Seminarju, il-Kwartieri tal-Pulizija u l-Kwartieri tal-Armata.

Pjazza Teatru Rjal se jkollu bidla nostalġika u se jinbidel f’palk spettakolari għal cabaret, fejn se jkun hemm fost l-oħrajn orkestra live bl-iprem mużiċisti mmexxija mill-kompożitur u wieħed mill-aqwa talenti mużikali Maltin – Dominic Galea. L-udjenza tista’ wkoll tixtri l-Gold Tickets li jinkludu nbid, ikel u anke album oriġinali waqt li jpoġġu ma’ mejda fuq quddiem. B’hekk jidher li din se tkun esperjenza spettakolari kif ukoll lejla sajfija li ma tintesa qatt.

L-istorja, is-satira u l-kummiedja nkitbu mill-kittieb tant popolari Malti, l-eks Prim Ministru, Dr Alfred Sant; u l-kanzunetti b’lirika inkejjuża nkitbu mill-poeta Albert Marshall. Il-produttur u direttur tax-xogħol ta’ dawn l-artisti huwa d-direttur teatrali popolari Sean Buhagiar, li se jiżgura li l-istorja ta’ Balzunetta tibqa’ memorja fil-moħħ tal-udjenza li ser taraha.

Balzunetta Towers, hu mtella’ minn Festivals Malta fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u  Valletta 2018; megħjuna minn Delicata Wines u Nenu The Artisan Baker, tibda fil-11 ta’ Lulju, u tkompli tintwera fit-12, 13, 14, 15 u 16 ta’ Lulju. Biljietti minn www.balzunettatowers.com, 21223216, jew mill-Kavalier ta’ San Ġakbu fil-Belt Valletta.